Il-Vrajs tal-Madalena

Nhar it-Tlieta, 4 ta’ April 2017, fis-6.00pm, Ġorġ Peresso se jagħmel taħdita pubblika dwar IL-VRAJS TAL-MADALENA bħala parti mis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali organizzata mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. It-taħdita se ssir fil-kampus tal-Università f’Tal-Qroqq (il-kamra titħabbar dalwaqt). Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.

gorg peresso.jpg
Ġorġ Peresso

Il-vrajs tal-Madalena hu wieħed antik u jinsab mifrux, b’varjazzjonijiet lokali, f’pajjiżi differenti tal-Ewropa, mill-Iżvezja saMalta. Meta u kif daħal Malta ma nafux, imma żgur li hu antik u forsi daħal fostna mill-Provenza fi Franza minn xi predikaturi għal żmien ir-Randan, għax il-vrajs hu rakkont li għandu jqanqal indiema u penitenza u l-figura tal-Madalena minn dejjem kienet figura dominanti bħala simbolu ta’ dawn is-sentimenti. Dan jidher fil-pitturau t-teatru, u fir-rabta, mhux għalkollox ġustifikata, mal-konverżjoni tal-prostituti.

mary_magdalene_caravaggio
Maria Maddalena in estasi, żejt fuq it-tila, xogħol attribwit lil Caravaggio (1606)

Il-vrajs Malti għandu b’kollox sitt strofi asimmetriċi, imma miktuba b’mekkaniżmi letterarji bħall-alliterazzjoni, ir-rima interna, l-onomatopeji, id-djalogu, u t-teatralità, li jagħmlu faċli li jaqbad mal-fantasija u aktar faċli li timmemorizzah. Kien l-istudjuż Ġużè Cassar Pullicino li fis-sittinijiet għamel riċerka u studju intensiv kemm Malta u kemm Għawdex, sakemm sensel dan il-vrajs. Għamel ukoll studju komparattiv ma’ vrajjes oħra simili fuq il-Madalena. Bl-għodod limitati ta’ studju li kellu f’idejh il-folklorista Malti, Cassar Pullicino wasal għall-konklużjoni li l-vrajs tagħna hu eqreb tal-vrajs qasir li jinsab f’Ravenna u li tagħna fih konklużjoni li hi tipikament Maltija. Dan mhux għalkollox minnu, iżda lanqas mhu imbiegħed wisq mil-verità.

Ġorġ Peresso kompla fuq l-istudji li għamel Cassar Pullicino u b’kuntatti ma’ folkloristi minn Ravenna sab aktar tagħrif dwar ix-xebh bejn il-vrajjes tal-Madalena f’Ravenna u Malta. L-istudju tiegħu huwa analiżi Formalista tal-istil tal-vrajs Malti.

IMG_9449IMG_9453

Il-kittieb, poeta u xandar Ġorġ Peresso twieled il-Birgu fl-1939. Studja De La Salle College u Theresian School, u kompla l-istudji tiegħu tal-letteratura u l-filosofija fi Treviso u Brescia. F’Ruma kiseb il-Maġisteru fit-Teoloġija Spiritwali. Għal xi żmien għallem l-Istorja tad-Drama, il-kitba tal-iscripts, u t-Teoloġija Pastorali permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

Rebaħ disa’ premjijiet fix-xandir mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir u kiteb għadd ta’ rumanzi, ġabriet ta’ novelli u poeżiji. Uħud minn dawn il-kotba rebħu l-premjijiet mogħtija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Studju tiegħu ippublikat minn Horizons hu Il-Mara ta’ Dlielha Twil, li barra doku-radjudrama fih ukoll studji fuq il-figura tal-Madalena u fuq il-vrajs tal-Madalena.

Ġorġ Peresso kiteb għadd kbir ta’ radjudrammi minn żmien ir-Rediffusion u sensiliel ta’ teledrammi. Għadu jxandar fuq Campus FM, fejn għamel programmi dwar l-istorja u l-etimolġija tal-kliem u l-idjomi, u jikteb radjudrammi għal żewġ ilħna. Huwa wkoll wieħed mill-qarrejja ta’ Qari bil-Malti fuq Radju Malta.

Ġorġ Peresso għamel diversi diskorsi fil-Portugall u Spanja dwar it-tradizzjonijiet orali.

Id-Dipartiment tal-Malti jirringrazzja lill-Klabb Kotba Maltin tal-għajnuna tiegħu fl-organizzazzjoni tat-taħditiet dwar It-Tradizzjoni Orali.

Il-proġett dwar It-Tradizzjoni Orali jinsab fuq Facebook u f’dan is-sit: tradizzjonioraliblog.wordpress.com


Leave a comment